Kliem Fuq Gaża, ta’ Mazen Maarouf

Din hija traduzzjoni ta’ kitba tal-poeta Palestinjan Mazen Maarouf. Ma nħobbx wisq nindaħal f’kunflitti bejn pajjiżi u kulturi li mhumiex tiegħi; nagħmel dan b’umiltà u mhux b’apatija. Il-ftit li nifhem fuq dan il-kunflitt huwa li ma nifhem kważi xejn, ħlief li qed issir straġi ta’ ħajjiet.  Din il-kitba ta’ Maarouf, iżda, għalkemm miktuba minn lenti Palestinjana, hija, qabelxejn, miktuba minn id umana, u umana għall-aħħar.

Kliem fuq Gaża

Mazen Maarouf

Traduzzjoni: David Schembri

Nipprova nikteb kelma fuq dak li għaddej ġewwa Gaża. Anzi, “fuq Gaża”. U mhux “kelma”, f’sens litterali, imma “xi ftit kliem”. “Linja”, ħa. Iva, tal-anqas “linja” jew tnejn. Diġà hemm bosta filmati u stampi. Ngħid lili innifsi: “Irrid inkun oġġettiv. Bil-fors hekk, in-nies intelliġenti hekk jagħmlu; jien m’iniex intelliġenti? Isa, ftakar fil-ma u l-pa, kif kienu jgħidu ’l kull min kien hemm fil-binja x’ġenju kont fil-matematika.”

Nixrob tazza ilma. Nieħu nifs ’il ġewwa. Issa nħossni iktar kunfidenti. Bil-fors li hekk. Arani. Jien nimpressjonah ’il dak li jkun: nemmen fil-paċi, għandi ideat kontroversjali; kapaċi nsaħħar bil-lingwa, grazzi għal dawk il-kotba kollha li qrajt. Għalhekk, huwa l-istil li sa jġiegħel lil kulħadd jinbidel. Jinbidel, irembel il-mapep, jirremetti, jirtira u jitlob skuża. Il-mini jimtlew bil-kejkijiet, gallettini, ħelu, ċikkulata u blalen tal-ħobż f’ġieħ tfal mejtin. Dawn il-mini jkunu rrakkomandati fil-gwidi turistiċi. “Żur il-mużew tal-mini!”, u d-dħul ikun b’xejn.

L-oħrajn jibdlu t-tankjiet tal-gwerra tagħhom f’pixxini għat-tfal. Ma jistgħux jagħmlu iktar minn hekk, għax diġà għandhom kull xorta ta’ postijiet għad-divertiment, mużewijiet, u fejn jilagħbu. Kulma jkollhom jagħmlu huwa li fil-gwida tagħhom iżidu “dak li darba kien tank tal-gwerra issa huwa mobile swimming pool”, b’ritratt ta’ tifel jgħum u jgħarrex fuq raħal fil-qrib bit-tromba. U dan ukoll ikun b’xejn.

U xi ftit deċennji oħra, saħansitra jagħmlu ċajt huma stess, fuqhom stess, fuq is-sitwazzjoni ta “ftit deċennji ilu”. U jkun hemm talkshows u lotteriji fuqha. Imma memorjali, qatt.

It-talkshows ikunu tad-daħq, intelliġenti, emozzjonali, jitkebbsu l-ħsibijiet; eċitanti, bi tfal imħalltin, eleganti, “nofs u nofs”, tiżżumja fuqhom fost l-udjenza.

U dawk, minoranza żgħira, li għadhom fanatiċi, jintbagħtu jaħdmu f’art il-ġirien. Iva, għax kulħadd ikolli biċċa art, siġra, impjieg u landa taż-żibel.

Il-ġirien jitrattawhom tajjeb, b’delikatezza, bħal donnhom teddy bears miftuqin, u jibku dmugħ ta’ sogħba huma u sejrin lura d-dar. Timliehom ukoll ir-rabja, u  jħarrku lil fantaċi oħra magħrufa u jibagħtuhom f’art il-ġirien, u l-ġirien, għal darb’oħra, jittrattawhom tajjeb.

Il-ġirien ta’ wara l-ħajt. Iva, għax il-ħajt sa jibqa’. Dan inħossu. U ma nista’ nagħmel xejn dwaru. Il-ħajt ser jibqa’.

Jew forsi le. Ma nafx.

L-affarijiet jiddependu biss fuq l-istil.

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.