Għala nħobb ‘Tfejt’ tal-Brodu

Wieħed mill-albums li l-iktar li smajt f’dawn l-aħħar xhur kien l-album Tfejt, tal-Brodu. Mark iz-Zizza, leħen (u milli nista’ nifhem, il-moħħ wara) il-grupp, sirt nafu xi 15-il sena ilu permezz ta’ kuġinuh Ben. Qatt ma kilna l-kirxa flimkien, u liz-Zizza ma nafux biżżejjed biex inkun naf togħġbux il-kirxa, jew jekk hux it-tip ta’ bniedem li jippreferi l-Hopleaf miċ-Cisk, iżda kull meta naraw ’il xulxin ngħidu kelmtejn. Mark tifel orrajt: intelliġenti, ċajtier, twajjeb, u profond. Dan issir tafu wara li tqatta’ siegħa titkellem miegħu, u tkompli tikkonfermah meta tisma’ Tfejt, it-tieni album tal-Brodu.

Fl-ewwel album tal-Brodu, il-kanzunetta melankolika Iċ-Ċimiterju kienet dik l-iktar li laqtitni, u dan l-album ħalla l-ħafna esperimentazzjoni u nejk (ħaġa tajba, u mistennija minn grupp jismu Brodu) tal-predeċessur tiegħu u kompla iktar fil-vena tat-tracks l-iktar intimi.

Tfejt, bħal ta’ qablu, jitkellem dwar il-ħbiberija, l-intimità, il-fidi u l-kuxjenza. Jinstema’ ċar l-ambjent li ħareġ minnu, dak ta’ ħajja fir-raħal, bl-għabra mill-għelieqi mal-għatba, bil-melħ tal-baħar xott ma’ ġildtek wara għawma, bil-ħbieb jgħaddu għat-te, fejn il-versi tal-Bibbja u t-taqbiliet psataż joqogħdu kexxun ma’ xulxin mingħajr ma jkollhom xi jgħidu. Fi kliem ieħor, dinja li għalkemm mhijiex għalkollox tiegħi, tixbaħ ħafna lil tiegħi, jew dik li kienet tiegħi qabel ma ħallejt il-gżira. Dinja li minkejja li forsi mhix l-iktar komda, faċli, jew irfinata, fiha l-wens.

Dan l-album, għax għandu temp pjuttost moderat, inħobb nisimgħu waqt li naħdem, u dan l-aħħar sibt ruħi nisimgħu ħafna waqt li kont qed naqdef l-elf kilometru tal-Via de la Plata fi Spanja. Nisimgħu għax sabiħ (b’arranġamenti memorabbli u teknikament interessanti), u għax fi kważi kull diska, nisma’ liz-Zizza jkellem lili, liebes tal-Mulej Alla tiegħu fi Tfejt, daqqa oħra tal-eks maħbuba (Il-Ġorf), darb’oħra ta’ sieħbu Bezzina (f’Kuraġġ Bezzina) li għandu bżonn naqra inkoraġġiment. Leħnu u l-kliem, fil-biċċa l-kbira, huma kalmi, ikkontrollati, mgħarbla. Id-diski li mhumiex personali u intimi jpattu għal dan in-“nuqqas” bl-alkemija ta’ lirika li taqleb miż-żufjett għas-serjetà ma’ kull daqqa tar-ritmu antipatku (Għandi l-Għatx), il-kompożizzjoni stil snin 60 ta’ Id-Diqa Ħelwa ta’ Filgħaxija u l-meditazzjoni awtoreferenzjarja epika li hi Kanzunetta Biex Timla.

Mhijiex diska, imma nħoss li t-track Ħamiem, diskursata rrekordjata bejn Mark u nannuh dwar il-ħamiem li jrid ċertu wieħed jgħidulu x-Xiggi mill-Biċċieni, l-ekwivalent ta’ magg te u ġiex biskuttelli jistennewk fil-mejda tal-kċina tal-familja ta’ sieħbek, kapaċi tirrappreżenta s-sentiment li għaddej tul dan l-album daqs kull diska oħra.

It-tifi huwa att negattiv (f’sens filosofiku), li jibdel l-istat ta’ dawl għal wieħed mingħajr dan id-dawl, u dan in-nuqqas jinħass fl-album. Hemm is-sensazzjoni fondata li din il-ġabra ta’ kanzunetti għandha bħala għajn id-diżappunt u d-diżillużjoni, fl-imħabba, fil-ħajja, fil-fidi. Hawn sens kbir ta’ telf, li joxxilla bejn is-sogħba għal dak li ntilef għal rassenjazzjoni filosofika li tħaddan it-telfa ta’ li hi u tittrasformaha f’xi ħaġa oħla. Wara li titlef xi ħaġa jew xi ħadd li tħobb u li ma tistax treġġgħu lura, l-ikbar ħaġa li dak li jkun jista’ jtik hija xi kelmtejn ta’ sabar, jew xi tgħanniqa.

U huwa għalhekk li nħobb lil Tfejt.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *