bram

Hemm brama tidher mix-xatt.

“Hawn xejn bram?”

“Hawn bram. Kull fejn tħares, hemm il-bram. U anke jekk ma tħarisx, il-bram hemm qiegħed. Hemm roqgħa żgħira ’l hemm fejn m’hemmx.”

Mela hawn il-bram.

Imnalla ġibt il-maskla u l-pajp miegħi. Sbieħ biex tara xi jkun hemm jgħum miegħek, dak il-ħut sabiħ li ma tafx x’jismu imma tieħu gost tarah hemm, sinjal li l-ibħra għadhom ma mitux. Iżda l-maskla u l-pajp kont xtrajthom biex jiem bħal dawn inkun nista’ ninżel ngħum b’għajnejja miftuħin mhux biss għall-ġmiel, iżda wkoll għall-periklu.

Illum mhux se naqbeż għal rasi.  Intiha għal saqajja minn maġenb is-sellum. Il-maskla, it-tarka tiegħi kontra l-għadu, tistenna bil-ħerqa max-xatt. Għal saqajja: kemm nieħu passata ilma baħar fuq ġildti qabel inxidd il-maskla.  Meta naqbeż għal rasi ntawwalha kemm niflaħ, u wara li nidħol taħt il-wiċċ nipprova nibqa’ hemm kemm nista’, inżomm in-nifs u naqdef minn taħt sa ma nilħaq ix-xaqliba oħra. Mhux illum. Illum l-ajru sħun. L-ilma frisk. Għax Ġunju, l-ajru saħan, iżda l-ilma baqa’ frisk. Ġunju għalhekk sabiħ. L-ilma frisk u l-ajru sħun. Il-maskla qed tistennieni maġenb is-sellum. L-ilma miżgħud bram.

Nitla’ għall-maskla, inlaħlaħha, nobżoq fuq il-ħġieġ biex ma tiċċajparx u nerġa’ ninżel.

U narah, il-bram. Globi roża-vjola, bi splużjonijiet-fjuri fin-nofs. Id-dawl jgħaddi minn ġo ġisimhom, iżda s-swaba’ ħoxnin u ż-żigarelli twal fini jkarkru u jitbandlu mal-kurrent ma jħallu xejn jgħaddi minn ħdejhom mingħajr ma jħaddnuh.

Il-wied illum hawn il-festa tal-bram. Ġisimhom donnu kappell wiesa’, u ż-żigarelli donnhom tiżjin, u l-bram qishom xebbiet jiddandnu madwar iz-zuntier mal-melodija ta’ marċ silenzjuż. 

Qsamt sax-xaqliba l-oħra u nibda nxattat forsi f’xi rokna nsib roqgħa ta’ kenn. Imma le, hawn iktar bram. Ikolli nibda nħares ’l hawn u ’l hinn biex nara fejn se mmidd riġlejja jew dirgħajja biex ġildti li qed tismar u l-iġsma mdawlin tagħhom ma jmissux.

Qabża l-wied saret tellieqa tal-ostakli, ħarba minn għadu għaġeb, pjaċir misruq mill-ħruq.

Ngħaddi mferfex minn ħdejn il-ħut familjari li ismu ma nafux, u ninsa kollox – it-temperatura perfetta tal-ilma waqt li kulma jien jipprova jiskarta dawn il-ħlejqiet passivi aggressivi lewn it-tbenġil ta’ tfuliti, jittajru ġo sema ilmi.

Brama, x’se tieħu billi tniggiżni? X’qed ittina billi teżisti?

Il-bram jitla’ mill-qiegħ.

Il-bram jitla’ fil-wiċċ.

Il-bram jidher mix-xatt.  

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.