Kellu jkun l-ewwel kunċert organizzat independentement ġo Pjazza Teatru Rjal, sive t-Teatru l-Imwaqqa’, magħruf iktar minn min l-arti jagħti kasha sakemm ikun qed jitkellem fuqha l-mexxej, bħala t-Teatru Bla Saqaf. In-nuqqas ta’ saqaf fuq dan il-bini li kien ilu mġarraf għall-ikbar parti mill-aħħar mitt sena kien ġabar taħtu għadd kbir ta’ nies li, għal raġuni jew oħra, xtaqu saqaf jaħasra (anke jekk xi wħud minnhom ‘qas tarahom b’nemes qrib teatru). Kellu jkun il-pezzakustjoni prima klassi Mario Vella tal-Brikkuni li ried iżanżan dan it-Teatru. Fuq il-palk kbir, il-ħdax-il mużiċist setgħu joqogħdu xxamplati bla ma jaqgħu fil-wajers ta’ xulxin, is-sistema tal-ħoss tajba, u s-siġġijiet, għalkemm lewnhom kemxejn stramb, komdi kieku. Għal banda li ma timliex il-Fosos imma xorta jiġu l-mijiet jarawha, it-Teatru Rjal, bil-faċilitajiet l’għandu, bil-pużizzjoni tiegħu u bil-fatt li stajt tqiegħed ħafna nies bilqiegħda, kien perfett. Sa ma waslet l-istima ta’ kemm sa jiġi l-kunċert. Kienu qed iħarsu lejn €2,000 biss għall-kirja tal-post, il-bqija għas-servizzi tas-sigurtà, assikurazzjoni, awdjo, mużiċisti… u l-ewri telgħu u telgħu tant li Vella ħabbar li l-kunċert ma kienx sa jsir, għax ma kienx sa jiġi jaqbillhom. Din kienet aħbar kerha, u mhux biss għal dawk li, bħali, xtaqu jaraw lill-Brikkuni jdoqqu f’post sura. Kienet aħbar kerha għal dawk il-mużiċisti, gruppi tad-drama u taż-żfin li xtaqu, forsi, xi darba, jorganizzaw attività fi Pjazza Teatru Rjal mingħajr ma jkunu qed jirriskjaw li jitilfu eluf ta’ liri fuq lejla waħda. Bħalma l-bombi tal-Luftwaffe ikkundannaw it-Teatru ta’ Barry fit-‘42, il-kundizzjonijiet li kien qed jitfa’ l-bord fuq l-artisti li xtaqu jtellgħu xi ħaġa fuq l-istess teatru kienu qed jikkundannaw t-teatru għall-użu biss f’attivitajiet organizzati jew issussidjati mill-istat jew l-UE, biex għall-bqija tas-sena dawk is-siġġijiet ħodor ikomplu jixorbu kull ma jinżel mis-smewwiet; xemx, xita, u Alla-jaf-xiex, waqt li artisti indipendenti jingħalqu barra. Ruxxmata artikli u servizzi fuq ix-xandir, ħafna telefonati, laqgħat, u tgħajjir fuq Facebook, il-bord tat-Teatru laħaq arranġament ġdid – u irħas – mal-Brikkuni. U l-kunċert li tħassar, spiċċa sar.
Pingback: Fastidju | DAVIDSCHEMBRI.COM